Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà
#TheFutureIsYours Nieħdu ħsieb il-libertajiet taċ-ċittadini
Nieħdu ħsieb il-libertajiet taċ-ċittadini
L-istat tad-dritt jippermettilna niggarantixxu d-drittijiet u l-valuri, u nappoġġjaw ambjent tan-negozju favorevoli għall-investiment. Hu wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.
L-UE tiżgura li l-liġijiet jiġu rispettati u tappoġġja l-ugwaljanza bejn iċ-ċittadini kollha. Dan ifisser li qed nipproteġu attivament id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-vittmi u tat-tfal, u l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni reliġjuża. Ifisser il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tal-komunitajiet LGBTIQ+ u dawk b’diżabbiltajiet.
Fl-istess ħin, għandna ngħinu biex nipproteġu lill-Ewropej minn atti ta’ terroriżmu u ta’ kriminalità.
Agħżel waħda mill-kategoriji li ġejjin biex tagħmel il-proposti tiegħek.
- Drittijiet u valuri Ewropej
- Drittijiet tal-konsumatur
- Sigurtà
Skopri l-kategoriji fid-dettall
X’qiegħda tagħmel l-UE?
L-Unjoni Ewropea għandha sett ta’ miżuri konkreti biex issaħħaħ il-kapaċità tagħna li nippromwovu u nirrispettaw l-istat tad-dritt. Nissorveljaw l-istat tad-dritt fil-pajjiżi kollha tal-UE u adottajna “qafas tal-istat tad-dritt” ġdid.
L-UE taħdem b’mod kostanti biex tindirizza l-inugwaljanzi persistenti fl-Unjoni tagħna, pereżempju permezz tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra r-Razziżmu jew l-Istrateġija għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ. Dawn l-azzjonijiet jibnu fuq id-drittijiet kontra d-diskriminazzjoni stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jipprojbixxu kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħar-razza, il-ġeneru, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, id-diżabbiltà, kif ukoll l-oriġini etnika jew soċjali.
Fl-aħħar ħames deċennji, l-UE introduċiet sett robust ta’ politiki u regoli biex tiżgura livell għoli ħafna ta’ protezzjoni u drittijiet għall-konsumaturi. L-Aġenda l-Ġdida tal-Konsumatur tissalvagwardja dawk id-drittijiet filwaqt li tipproteġi u tagħti s-setgħa lill-konsumaturi.
L-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE tipprovdi l-għodod u l-miżuri biex tiżgura s-sigurtà fl-ambjenti fiżiċi u diġitali tagħna. L-4 prijoritajiet strateġiċi tagħha għall-azzjoni huma: ambjent ta’ sigurtà li jibqa’ validu fil-futur, l-indirizzar tat-theddid li qed jevolvi, il-protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata, u ekosistema tas-sigurtà b’saħħitha.
Aqsam: