Mistoqsijiet Frekwenti (FAQ)
Mistoqsijiet Ġenerali
Kif nista’ nipparteċipa fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa?
Kulħadd jista’ jipparteċipa billi joħloq ideat fuq din il-pjattaforma, jikkummenta dwar l-ideat tal-oħrajn jew japprovahom. Tista’ wkoll torganizza avvenimenti jew tipparteċipa f’avvenimenti.
Kif nirreġistra biex nipparteċipa?
Biex tipparteċipa, se tintalab tilloggja fil-pjattaforma. Biex tkun tista’ tilloggja, jeħtieġlek toħloq EU login, jekk m’għandekx diġà wieħed. Jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-ECAS biex tagħmel dan (~3 minuti). Ladarba jkollok l-EU login tiegħek, għafas fuq il-buttuna “login” fuq il-pjattaforma COFE. Imla l-oqsma bl-indirizz tal-email u l-password tiegħek. Ladarba tkun illoggjajt fil-pjattaforma, se twieġeb xi mistoqsijiet qosra dwarek – eż. minn liema pajjiż ġej, l-età u l-isfond tiegħek.
Ladarba tkun illoggjat, tista’ tiċċekkja l-Profil Pubbliku tiegħek. L-isem u l-oqsma tal-laqam/psewdonimu huma pubbliċi u jidhru fuq il-profil pubbliku tiegħek kif ukoll ħdejn il-proposti, il-kummenti u l-approvazzjonijiet tiegħek:
- Jekk tixtieq tikkontribwixxi f’isem organizzazzjoni (assoċjazzjoni, kumpanija, eċċ.), tista’ tqiegħed l-isem ta’ din l-organizzazzjoni bħala isem.
L-indirizz tal-email tiegħek jibqa’ privat. Qabel ma tkun tista’ tikkontribwixxi, trid tivvalida l-indirizz tal-email tiegħek billi tagħfas fuq il-link fl-email mibgħuta lilek wara r-reġistrazzjoni; ftakar biex tiċċekkja l-junk mail tiegħek jekk ma tirċevix email ta’ konferma mill-Pjattaforma. Toqgħodx lura milli tikkuntattjana jekk tiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet biex tirreġistra.
Kulma għandek tagħmel hu li tilloggja billi tuża l-link tal-login fin-naħa ta’ fuq tal-lemin tal-Pjattaforma.
Kif jiġu analizzati l-kontributi?
L-input mis-sottomissjonijiet u l-avvenimenti online taċ-ċittadini se jiġi analizzat, permezz ta’ taħlita ta’ għodod diġitali, estrazzjoni tad-data u analiżi umana. Ir-rapporti se jitħejjew u se jikkontribwixxu għall-Bordijiet taċ-Ċittadini Ewropej u għall-Plenarja tal-Konferenza. Dawn ir-rapporti se jkunu disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma stess.
Il-Bord Eżekuttiv se jfassal u jippubblika l-konklużjonijiet tal-Plenarja tal-Konferenza u se jippreżenta l-eżitu finali tal-Konferenza f’rapport lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni Ewropea. It-tliet istituzzjonijiet se jeżaminaw malajr x'azzjoni tista' tittieħed bħala segwitu għal dan ir-rapport, kull waħda fl-isfera ta' kompetenzi tagħha u f’konformità mat-Trattati.
Il-pjattaforma, kemm se ddum miftuħa għas-sottomissjoni tal-ideat?
Il-Konferenza għandha tasal għall-konklużjonijiet sar-rebbiegħa 2022, biex b’hekk tipprovdi gwida lit-tliet istituzzjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa. Għalhekk bħalissa huwa previst li l-pjattaforma tibqa’ miftuħa sar-rebbiegħa tal-2022.
Għaliex hemm biss għaxar suġġetti?
L-għaxar suġġetti għandhom jinftiehmu bħala qafas wiesa’ li taħtu jistgħu jiġu kklassifikati ħafna ideat u avvenimenti. Jekk tħoss li l-idea jew l-avveniment tiegħek ma joqgħod taħt ebda wieħed mid-disa’ suġġetti konkreti proposti, tista’ tinkludih fit-taqsima “ideat oħra” fuq il-pjattaforma. Din it-taqsima hija għal ideat u avvenimenti trasversali, jew suġġetti oħra minbarra dawk elenkati fuq il-pjattaforma.
Kif tikkuntattja lill-faċilitaturi tas-sit?
Tista’ tikkuntattjana jekk ikollok diffikultajiet biex tikkontribwixxi.
Kontributi fuq il-pjattaforma diġitali
Lingwa u eTranslation
Liema lingwi nista’ nuża biex nikteb il-kontributi tiegħi?
Tista’ tagħżel kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea meta tikteb il-kontributi tiegħek. L-opzjonijiet tal-lingwa tal-ibbrawżjar jinsabu fid-drop-down menu fir-rokna ta’ fuq tal-lemin tas-sit.
Bis-saħħa tat-traduzzjoni awtomatika, il-post tiegħek se tkun disponibbli wkoll bil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UE.
Nista’ nikteb post billi nuża diversi lingwi? Jekk nitkellem diversi lingwi, irrid inżomm ma’ lingwa waħda meta nikteb il-kontribut tiegħi fuq il-pjattaforma?
Ġentilment nitolbuk tippowstja l-kontributi tiegħek bil-lingwa tal-ibbrawżjar u ma tħallatx lingwi differenti f’kontribut wieħed. Dan jiżgura li l-kontribut tiegħek ikun jista’ jiġi tradott bil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UE bit-traduzzjoni awtomatika u li l-utenti l-oħra kollha tal-pjattaforma jkunu jistgħu jifhmuh.
Jekk tixtieq tuża lingwa oħra, jekk jogħġbok l-ewwel ibdel il-lingwa tal-ibbrawżjar.
Għaliex Il-post tiegħi mhix tradotta tajjeb bil-lingwi l-oħra?
It-traduzzjoni fuq din il-pjattaforma hija ġġenerata mill-eTranslation, għodda tat-traduzzjoni awtomatika pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea. It-traduzzjoni awtomatika tista’ tagħtik idea bażika tal-kontenut f’lingwa li tifhem. Hi kompletament awtomatizzata u ma tinvolvi l-ebda intervent uman. Il-kwalità u l-preċiżjoni tat-traduzzjoni awtomatika tista’ tvarja ħafna minn test għal ieħor u bejn pari ta’ lingwi differenti. Il-Kummissjoni Ewropea ma tiggarantixxix il-preċiżjoni u ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għal żbalji possibbli. Xi kontenut, bħal stampi, videos, files, ma jistax jiġi tradott minħabba l-limitazzjonijiet tekniċi tas-sistema.
Ippowstjar u diskussjoni tal-ideat
Kif nista’ noħloq idea?
L-ewwel nett, trid tilloggja mal-Pjattaforma bil-kont tiegħek. Jekk għad m’għandekx kont, jekk jogħġbok segwi l-proċess ta’ reġistrazzjoni deskritt hawn fuq. Meta tkun fuq il-lista ta’ ideat għas-suġġett mixtieq, tista’ żżid l-idea tiegħek billi tagħfas fuq il-buttuna “Idea ġdida +”.
Inti tindika t-titlu u l-kontenut tal-idea tiegħek, f’massimu ta’ 150 u 1,500 karattru rispettivament.
Pass ta’ tqabbil jenfasizza ideat preċedenti li jistgħu jkunu simili għal tiegħek:
- Tista’ tappoġġjahom u tfittex fuqhom billi tagħfas fuq it-titlu tagħhom;
- jekk tħoss li l-idea tiegħek hija differenti, tista’ tkompli bil-pubblikazzjoni tagħha billi tagħfas fuq il-buttuna “L-idea tiegħi hija oriġinali”.
Għandek 30 minuta wara li tissottometti l-idea tiegħek biex tirranġa.
X’għandi ninkludi fl-idea tiegħi?
L-ideat fuq il-pjattaforma għandhom ikunu l-espressjoni libera tal-opinjonijiet tiegħek b’mod rispettuż. Tista’ taqra dwar kull suġġett fuq il-pjattaforma sabiex tiskopri dak li l-UE diġà qed tagħmel f’qasam partikolari. L-idea tiegħek għandha tinkludi proposta konkreta. It-Tim tal-Moderazzjoni jista’ jaħbi l-ideat li fihom biss kumment ġenerali jew link.
X’jiġri mill-idea tiegħi ladarba tiġi ppowstjata?
Ladarba l-idea tiegħek tkun ġiet ippowstjata, l-utenti l-oħra jistgħu jikkummentaw dwarha u japprovawha. L-idea se tidher fuq l-indiċi tal-ideat għas-suġġett magħżul u fir-riżultati tat-tiftix tal-utenti, skont il-kriterji tat-tiftix li jkunu użaw. Ara wkoll: Kif se jiġu analizzati l-kontributi?
X’jiġri jekk l-idea tiegħi taqbeż l-1500 karattru permess? Nista’ naqsamha f’diversi ideat?
Ma tistax iddaħħal iktar minn 1500 karattru fil-qasam tal-idea. F’każ ta’ idea aktar kumplessa, tista’ tikkunsidra li taqsamha f’ideat separati.
Nista’ nżid file pdf biex nispjega l-idea tiegħi? Nista’ nżid link mal-post tiegħi?
Mhuwiex possibbli li jiżdiedu files PDF ma’ idea. Dawn ma jistgħux jiġu tradotti u analizzati awtomatikament. Iżda tista’ żżid links sabiex tipprovdi aktar sfond għall-utenti l-oħra. Żomm f’moħħok li paġni web esterni mhux se jiġu analizzati fit-tmiem tal-Konferenza u kwalunkwe link estern għandu jkun sors affidabbli. Links għal siti li huma mmirati biex jiġġeneraw dħul, pereżempju l-bejgħ ta’ prodott, mhumiex permessi.
Nista’ nippubblika l-istess idea f’diversi suġġetti?
Ġentilment nitolbuk tippowstja l-idea tiegħek taħt suġġett wieħed. Dan jagħti lok għal diskussjoni aktar produttiva u jevita l-konfużjoni. Jekk tqis li l-kontribut tiegħek jista’ joqgħod taħt diversi kategoriji, jekk jogħġbok agħżel il-kategorija li taħtha l-idea tappartjeni l-aktar.
Nista’ nibgħat idea bl-email?
Is-sottomissjonijiet mhumiex aċċettati bl-email u mhux se jitqiesu matul il-proċess ta’ analiżi tal-Konferenza.
Ma nistax insib idea li ħloqt. Kif nista’ nsibha?
L-aktar mod rapidu biex issib l-ideat tiegħek huwa li tmexxi l-cursor fuq “Illoggjat” u tagħżel “Il-profil pubbliku tiegħi”. Il-kontributi tiegħek jidhru fis-submenu “L-attività tiegħi”.
Ħadt żball waqt li kont qed noħloq l-idea tiegħi jew nibgħat il-kumment tiegħi. Nista’ neditjah jew inħassru?
Bħalissa mhuwiex possibbli li teditja idea fuq il-pjattaforma aktar minn 30 minuta wara li tkun ippowstjajta oriġinarjament, għal raġunijiet ta’ trasparenza u responsabbiltà. Dan huwa ddikjarat fuq il-pjattaforma hekk kif tapplowdja l-kontribut tiegħek. Bl-istess mod, il-kummenti ma jistgħux jiġu editjati ladarba jiġu xxerjati fuq il-pjattaforma.
Jekk tixtieq iżżomm l-idea tiegħek, iżda tikkoreġiha, tista’ tipprovdi kjarifika fit-taqsima tal-kummenti. Jekk tieħu żball f’kumment, tista’ żżid kjarifika fl-istess kumment.
Huwa possibbli wkoll li tirtira l-idea. Dan ifisser li l-idea tiegħek se tintwera b’tikketta li tindika li ġiet irtirata iżda xorta se tidher fuq il-pjattaforma.
Jekk tixtieq taħbi b’mod permanenti l-idea tiegħek, tista’ tikkuntattja lit-Tim tal-Moderazzjoni.
Xi jfisser li “tapprova” idea?
Meta “tapprova” idea, tkun qed tindika li tappoġġja l-kontribut ta’ utent. “Approvazzjoni” tista’ titqies simili għal meta tagħmel “like” għal post fuq forom oħra ta’ media soċjali u tgħin tindika l-favoribbiltà ġenerali tal-parteċipanti fir-rigward ta’ idea partikolari, filwaqt li ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar kwalunkwe oppożizzjoni għaliha. Għalhekk, in-numru ta’ approvazzjonijiet mhuwiex per se indikatur ta’ appoġġ ġenerali għall-idea, iżda biss wieħed mill-ħafna aspetti li se jitqiesu matul l-analiżi fi stadju iktar tard tal-kontributi tal-pjattaforma.
Xi jfisser li “issegwi” idea?
Meta “issegwi” idea, dan ifisser li tirċievi notifiki meta jiżdiedu kummenti ġodda dwar il-post partikolari li tkun segwejt.
Ħolqien ta’ avvenimenti u parteċipazzjoni fihom
Kif nista’ nipparteċipa f’avveniment?
Il-pjattaforma tinkludi lista ta’ avvenimenti li ġejjin relatati mal-Konferenza. Tista’ taċċessa l-lista sħiħa tal-avvenimenti mill-paġna ewlenija tal-pjattaforma. Tista’ ssir tiftixa dettaljata fuq paġni ddedikati għal suġġetti differenti. Tista’ tfittex ukoll avvenimenti fuq il-mappa tal-avvenimenti.
Tista’ ssib l-informazzjoni dwar kull avveniment billi tikklikkja l-avveniment li jinteressak. Biex tirreġistra, għandek tuża s-sistema ta’ reġistrazzjoni esterna tal-organizzatur tal-avveniment. Jekk din l-informazzjoni ma tingħatax, tista’ tikkuntattja lill-organizzatur biex titlob aktar dettalji.
Kif nista’ noħloq avveniment jien stess?
Ħossok liberu li tikkonsulta l-“Gwida għall-organizzaturi tal-avvenimenti” biex issir taf aktar dwar il-ħolqien ta’ avveniment. Tista’ taċċessa l-formola tal-ħolqien tal-avveniment mill-paġna tas-suġġett.
Għaliex għandi bżonn inżid indirizz għal avveniment online?
Jeħtieġ li żżid indirizz mal-avveniment online tiegħek biex tpoġġih fuq il-mappa tal-avvenimenti. Xi utenti jibbrawżjaw biss l-avvenimenti permezz tal-mappa.
Jekk l-avveniment tiegħek huwa online, biżżejjed li tindika pajjiż u kodiċi postali biex l-avveniment jintwera b’mod korrett fuq il-mappa tal-UE.
Ma nistax insib avveniment li ħloqt. Kif nista’ nsibu?
Tista’ tara l-kontributi tiegħek fuq il-pjattaforma billi tmexxi l-cursor fuq “Illoggjat” u tagħżel “Il-profil pubbliku tiegħi”. L-avvenimenti tiegħek jidhru fis-submenu “L-attività tiegħi”.
Jekk jogħġbok innota li fil-paġni “Avvenimenti”, l-avvenimenti li ġejjin biss jintwerew b’mod awtomatiku. Jekk l-avveniment tiegħek diġà sar, se jkollok bżonn tagħżel il-filtru “Avvenimenti passati” biex issibu.
Għaliex ma nistax nara l-avveniment tiegħi fuq il-mappa?
Jekk ikollok problemi biex issib l-avveniment tiegħek fuq il-mappa, jaf ikollok sempliċiment tiżżumja biex tarah. Jekk l-avveniment tiegħek diġà sar, se jkollok bżonn tagħżel il-filtru “Avvenimenti passati” biex l-avveniment tiegħek jidher fuq il-mappa.
Jekk għadek ma tistax tara l-avveniment tiegħek, jista’ jkun li daħħalt l-indirizz ħażin tal-avveniment matul il-pass tal-ħolqien tal-avveniment. Uża l-buttuna “Editja l-avveniment” fil-paġna tal-avveniment individwali biex tikkoreġih. Bħala tfakkira, l-indirizz għandu jinkludi mill-inqas kodiċi postali u pajjiż.
Huwa possibbli li tkun taf minn qabel kemm-il parteċipant se jattendi avveniment?
L-informazzjoni dwar il-parteċipanti f’avveniment mhijiex disponibbli fuq il-pjattaforma peress li r-reġistrazzjoni ssir fuq siti web esterni. L-utenti jistgħu jikkuntattjaw lill-organizzatur tal-avveniment rigward din l-informazzjoni.
Nixtieq naġġorna l-informazzjoni dwar l-avveniment tiegħi. Nista’ neditjah?
Tista’ teditja l-avveniment tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tikklikkja l-buttuna “Editja l-avveniment” fin-naħa tal-lemin tal-paġna tal-avveniment.
L-avveniment tiegħi ġie kkanċellat. Nista’ nħassru?
Jekk l-avveniment tiegħek ġie kkanċellat, jekk jogħġbok aġġorna t-titlu tal-avveniment biex tindika din il-bidla sabiex l-utenti interessati jkunu infurmati. Pereżempju, agħtih l-isem “AVVENIMENT IKKANĊELLAT”.
Jekk l-avveniment tiegħek jeħtieġ li jitħassar tista’ tinforma lit-Tim tal-Moderazzjoni li se jkun disponibbli biex jassisti f’dan.
Kif nista’ nagħlaq avveniment? Għaliex għandi nipprovdi rapport tal-avveniment?
Tista’ tagħlaq avveniment billi tikklikkja l-buttuna “Agħlaq l-avveniment” fin-naħa tal-lemin tal-paġna tal-avveniment. Imbagħad tintalab tikteb rapport tal-avveniment u tillinkja ideat relatati fuq il-pjattaforma mal-avveniment tiegħek.
Se tirċievi wkoll notifika mit-Tim tal-Moderazzjoni meta tgħaddi d-data tal-avveniment tiegħek, li tfakkrek biex tixxerja r-rapport tal-avveniment.
L-ixxerjar ta’ rapport tal-avveniment jiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-ideat li ġew skambjati fl-avveniment tiegħek u li dawn l-ideat jistgħu jitqiesu fl-analiżi, biex b’hekk ikun hemm feedback u segwitu xierqa. Huwa kruċjali li jinħoloq rapport tal-avveniment biex il-Konferenza tkun effettiva.
X’għandi ninkludi fir-rapport tal-avveniment?
Fir-rapport tal-avveniment, ikun utli li tiġi inkluża informazzjoni dwar it-tip ta’ avveniment (eż. workshop parteċipattiv, spazju miftuħ, world café), in-numru ta’ parteċipanti u l-isfond demografiku tagħhom (eż. età, ġeneru), is-suġġetti ewlenin diskussi u l-ideat issuġġeriti, l-argumenti li wassluhom, kif ukoll l-atmosfera ġenerali u s-segwitu mistenni. Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta l-“Gwida għall-organizzaturi tal-avvenimenti”.
M’hemm l-ebda limitu ta’ karattri għar-rapporti tal-avvenimenti. Innota li għal raġunijiet ta’ analiżi, mhuwiex possibbli li r-rapport jiġi editjat ladarba jkun ġie ppubblikat.
Il-pjattaforma tippermetti wkoll li l-ideat li ħarġu matul id-diskussjonijiet u li diġà huma ppubblikati fuq il-pjattaforma jkunu llinkjati mal-avveniment. Inħeġġuk tagħmel dan.
Politika ta’ Moderazzjoni
Għaliex timmoderaw din il-pjattaforma?
Il-pjattaforma tal-Konferenza hija mmoderata biex jiġi żgurat li tintuża għall-iskop maħsub tagħha u tibqa’ spazju fejn iċ-ċittadini minn kull sfond, minn kull qasam tal-ħajja u minn kull rokna tal-Unjoni Ewropea jħossuhom komdi u mistiedna jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar il-futur komuni tagħna.
L-utenti kollha li jixtiequ jagħtu kontribut lill-pjattaforma għandhom jirrispettaw il-Karta tal-Konferenza u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni. Il-moderazzjoni sseħħ abbażi ta’ dawn ir-regoli.
Min hu responsabbli għall-moderazzjoni u kif taħdem?
Il-pjattaforma hija mmoderata minn Tim tal-Moderazzjoni li jaħdem taħt is-superviżjoni tas-Segretarjat Komuni f’isem il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza.
It-tim janalizza l-kontenut fuq il-pjattaforma wara li jkun ġie ppowstjat. Ma ssir ebda moderazzjoni minn qabel.
Jekk it-Tim tal-Moderazzjoni jsib li kontribut jikser il-Karta tal-Konferenza jew ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni, jista’ jew jaħbih direttament jew jibgħat messaġġ lill-awtur fejn jitolbu kjarifiki jew aġġustamenti għall-kontribut. Meta jinħeba kontribut, l-utenti jirċievu messaġġ mit-Tim tal-Moderazzjoni li jispjega r-raġuni għal din l-azzjoni. It-Tim tal-Moderazzjoni jressaq każijiet li jeħtieġu aktar diskussjoni għall-attenzjoni tas-Segretarjat Komuni.
L-utenti jistgħu jirrapportaw ukoll kontenut li jqisu mhux xieraq lit-Tim tal-Moderazzjoni. Ara Kif nista’ nirrapporta kontenut mhux xieraq?
It-Tim tal-Moderazzjoni, għaliex ħeba l-post tiegħi? M’intomx favur il-libertà tal-espressjoni?
Kwalunkwe post li ma tikkonformax mal-Karta tal-Konferenza u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni se tinħeba. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jżommu l-pjattaforma spazju sikur fejn kulħadd iħossu rispettat u mistieden biex jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. It-Tim bl-ebda mod ma jwaqqfek milli taqsam l-opinjonijiet tiegħek u lanqas ma jikser il-libertà tal-espressjoni tiegħek.
Nitolbuk tevita l-oxxenitajiet u lingwaġġ ieħor ta’ insult (ebda razziżmu, ksenofobija, sejħiet għall-vjolenza, diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, l-oriġini etnika, il-ġeneru, l-età, il-lingwa, jew messaġġi provokattivi...). Ma nistgħux naċċettaw reklami jew kummenti awtopromozzjonali, pereżempju dwar negozju, ktieb, blog jew is-sit web tiegħek. Dan japplika wkoll għall-kampanji politiċi fuq livell nazzjonali. Referenzi għall-Faxxiżmu/għan-Nażiżmu u l-Komuniżmu/l-Istaliniżmu barra mill-kuntest storiku li fih seħħew, se jinħbew.
It-Tim tal-Moderazzjoni huwa impenjat favur it-trasparenza u jista’ jipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar għaliex il-kontribut tiegħek inħeba. Ara wkoll X’nista’ nagħmel jekk ma naqbilx mat-Tim tal-Moderazzjoni? Nista’ nikkuntesta deċiżjoni?
X’nista’ nagħmel jekk ma naqbilx mat-Tim tal-Moderazzjoni? Nista’ nikkuntesta deċiżjoni?
Jekk ma taqbilx ma’ deċiżjoni dwar il-kontribut tiegħek, tista’ tibgħat messaġġ lit-Tim tal-Moderazzjoni u tispjega l-pożizzjoni tiegħek. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, it-Tim tal-Moderazzjoni jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tas-Segretarjat Komuni. Nitolbuk ma tippowstjax kummenti dwar it-Tim tal-Moderazzjoni jew lilu bħala ideat jew kummenti fuq il-Pjattaforma. Dawn mhux lokhom f’dan l-ispazju u se naħbuhom.
Kif nista’ nirrapporta kontenut mhux xieraq?
Tista’ tirrapporta kontribut li tqis li mhuwiex xieraq lit-Tim tal-Moderazzjoni billi tikklikkja l-bandiera li tidher ħdejn l-isem tal-utent li jkun ippowstjah u tipprovdi spjegazzjoni għaliex qed tirrapporta lil dan l-utent.
It-Tim tal-Moderazzjoni se janalizza l-ilment tiegħek abbażi tal-Karta tal-Konferenza u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
Irrapportajt post iżda xorta għadha tidher fuq il-pjattaforma? Għaliex?
Grazzi talli indikajt il-kontenut li tqis mhux xieraq. It-Tim tal-Moderazzjoni, u meta jkun hemm bżonn, is-Segretarjat Komuni janalizza dak kollu rrappurtat mill-utenti biex jivvalutaw jekk jikkonformax mal-Karta tal-Konferenza u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni. Jekk it-Tim tal-Moderazzjoni ma jqisx li dawn ir-regoli jkunu nkisru, il-post ma titneħħiex. Jekk xorta tħoss li dan il-kontenut għandu jinħeba, tista’ tikkuntattja lit-Tim tal-Moderazzjoni. Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li l-kontenut irrapportat jista’ jieħu ftit iktar żmien biex jiġi pproċessat, u trid tistenna mill-inqas 48 siegħa qabel tikkuntattja lit-tim.
X’liema ċirkostanzi jista’ utent jiġi mblukkat mill-pjattaforma tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa?
Utent se jiġi mblukkat mill-pjattaforma wara ksur ripetut tal-Karta tal-Konferenza u tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni. Dan huwa rari ħafna, u t-Tim tal-Moderazzjoni jagħmel dan biss f’każ ta’ użu ħażin serju u ripetut tal-pjattaforma, u wara żewġ twissijiet. L-utenti jistgħu jitolbu li jiġu ammessi mill-ġdid jekk jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-Karta u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni.
Għaliex nista’ nara l-kontributi minn utent imblukkat?
Jekk utent ikun ġie mblukkat, il-kontributi preċedenti tiegħu li ma jiksrux il-Karta tal-Konferenza u/jew ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni se jibqgħu viżibbli fuq il-pjattaforma. Jekk tidentifika kontribut minn utent imblukkat li tqis mhux xieraq, tista’ tirrapportah lit-Tim tal-Moderazzjoni għall-analiżi.
Kif nista’ nikkuntattja lit-Tim tal-Moderazzjoni?
Tista’ tikkuntattja lit-Tim tal-Moderazzjoni hawnhekk.
Mistoqsijiet ġenerali dwar il-pjattaforma
Kif nista’ naċċessa l-profil personali tiegħi?
Biex tara d-dettalji tal-kont tiegħek għandek tmexxi l-cursor fuq “Illoggjat” fir-rokna ta’ fuq tal-lemin ta’ kwalunkwe paġna tal-pjattaforma. Fid-dropdown menu li jiftaħ, ikklikkja “Il-konfigurazzjonijiet tal-kont tiegħi” għal aktar informazzjoni dwar id-dettalji personali tiegħek u “Il-profil pubbliku tiegħi” għal ħarsa ġenerali tal-attività tiegħek fuq il-pjattaforma.
Nixtieq niddiżattiva n-notifiki bl-email. Kif nagħmel dan?
Tista’ taġġorna l-konfigurazzjonijiet tan-notifiki tiegħek billi tmexxi l-cursor fuq “Illoggjat” u tagħżel “Il-konfigurazzjonijiet tal-kont tiegħi”. Fis-submenu “In-notifiki tiegħi” tista’ tiddiżattiva n-notifiki jew tagħżel it-tipi ta’ notifiki li tixtieq tirċievi.
Meta tagħżel li tirċievi notifiki dwar dak kollu li ssegwi, u ssegwi suġġett, se tirċievi notifiki kull darba li jiżdiedu ideat u avvenimenti ġodda ma’ dan is-suġġett partikolari. Jekk dan joħloq wisq notifiki għalik, minflok tista’ tagħżel li ssegwi ideat jew avvenimenti individwali li jinteressawk sabiex tiġi nnotifikat meta jiżdiedu l-kummenti ma’ dawn il-kontributi.
Fejn nista’ nsib il-link biex niddawnlowdja files ta’ data miftuħa mill-pjattaforma tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa?
Din id-data hija disponibbli għall-pubbliku biex titrawwem il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja politika u soċjali u tiżdied it-trasparenza tal-gvern bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku u l-użu mill-ġdid tagħha. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-politiki tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-data miftuħa hawnhekk.